![]()

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, bl-għajnuna tal-professjonisti mill-Malta EU Steering Action Committee (MEUSAC), applika għall-fondi Ewropej sabiex jorganizza proġett Ewropew taħt il-Programm ‘Europe for Citizens Programme, Strand 2 Measure 2.2 Network of Twinned Towns’. Dan il-proġett intitolat ‘Small Markets at the Heart of the European Economy’ intagħżel ma’ grupp ristrett ta’ proġetti oħra fost mijiet ta’ applikazzjonijiet. Fil-fatt il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kiseb id-disa’ post minn fost il-proġetti kollha li applikaw. Dan ifisser li fi żmien sentejn l-istess Kunsill Lokali kellu żewġ proġetti li kkwalifikaw mal-aqwa għaxar postijiet mill-Ewropa kollha. Dan wara li sentejn ilu kellu proġett ieħor Ewropew, li twettaq b’suċċess, li kien ikklassifika mal-ewwel għaxra u liema proġett illum-il ġurnata qed jintuża bħala best practice fuq fondi Ewropej.
Il-proġett ta’ issa ser isir flimkien ma’ 10 bliet oħra Ewropej li ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom Ġermanja, Rumanija, Latvja, Italja u l-Polonja. Il-baġit ta’ dan il-proġett huwa ta’ €150,000, fejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għandu r-responsabbilità kollha għal dan il-baġit. L-ewwel konferenza qed issir Malta bejn it-8 u l-11 ta’ Diċembru 2016 b’attendenza ta’ iżjed minn 80 delegat barrani li se jkunu qed jattendu għal din il-konferenza. Dan ifisser li fi żmien li huwa meqjus bħala kemmxejn kajman għat-turiżmu, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qiegħed iġib lejn il-Mellieħa konferenza ta’ kwalità għolja li se żżid il-kummerċ fil-Mellieħa u se sservi bħala reklam għal-lokalità Melleħija fuq livell turistiku.
Minn barra din il-konferenza, ser jiġu organizzati erba’ konferenzi oħra ġewwa l-Italja, il-Latvja u r-Rumanija. It-tema hija dik ta’ negozji żgħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant, il-Kunsill Lokali qiegħed jistieden lil dawk kollha nteressati jattendu għal xi waħda minn dawn il-konferenzi sabiex jirreġistra l-interess tiegħu fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
http://cf5893147ur69.cdnserver.net/melliehalocalcouncil/filerepo/files/info_template_-_partners_small_markets.pdf