Beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Batterija ta’ Westreme jew kif inhi magħrufa aktar bħala Mużew tat-Tunnara. Il-Kumitat tal-Għażla fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali approva kofinanzjament ta’ 80% permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li jammonta għal €504,000, li €403,000 minnhom li ser jitħallsu minn fondi Ewropej, filwaqt li €101,000 irid jagħmel tajjeb għalihom il-Kunsill mill-fondi tiegħu. Dan tħabbar ilbieraħ l-Erbgħa 9 t’ Ottubru 2019 waqt konferenza stampa ndirizzata fost oħrajn mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali l-Onor. Aaron Farrugia. Din il-konferenza stampa saret fl-okkazzjoni tal-ewwel mitt jum ta’ ħidma tat-Tmien Kunsill, fejn is-Sindku s-Sur Dario Vella ta ħarsa lejn l-inizjattivi ewlenin li ttieħdu f’dan il-perjodu.