Il-Mellieħa

Posizzjoni u l-Mellieħa fil-qedem

Il-Mellieħa tinsab fuq sensiela ta’ għoljiet lejn il-Majjistral ta’ Malta. Il-Mellieħa qegħda 150 metru l’fuq mill-livell tal-baħar u tħares lejn il-bajja pittoreska tal-Għadira. Il-Mellieħa hija mdawwra minn tliet naħat mill-baħar u għalhekk toffri diversi veduti mill-isbaħ. Il-Komunità Melleħija tlaħħaq id-9000 abitant u tinkludi housing estates  bħal Il-Qortin, Santa Marija Estate, Ta’ Pennellu, l-Għoljiet tal-Mellieħa, Ta’ Masrija u Tal-Ibraġ. Hija tinkludi wkoll l-irħula żgħar ta’ Selmun u tal-Manikata.

 

Id-diversi għoljiet u widien, għerien kbar, żoni kennija, l-art għammiela u l-ilma ġieri, żgur kienu ta’ nteress għal-ewwel nies li żaru Malta minn Sqallija daqs 8000 QK. Sejbiet ta’ fuħħar f’dawn iż-żoni jindikaw biċ-ċar li, dawn il-persuni li kienu joqogħdu ġo l-għerien, kienu jużaw lill-Mellieħa bħala ċentru ta’ abitazzjoni għall-komunità tagħhom. Fil-Mellieħa nsibu wkoll fdalijiet megalitiċi f’diversi siti fosthom f’Ta Msid ġewwa l-Aħrax, l-Armier, Għajn Żejtuna u siti oħra, filwaqt li oqbra Puniċi Rumani huma preżenti f’San Niklaw, Ħawwiexa u f’Selmun.

F’diversi xagħri ġewwa l-Mellieħa nsibu wkoll il-preżenza tal-misterjużi cart ruts  li jinstabu imferrxin madwar Malta u Għawdex. Ħafna minn dawn jikkonsistu f’kanali żgħar imnaqqxa fil-blat li jimxu paralleli ma’ xulxin b’wesa’ bejn wieħed u ieħor ta’ karrozza żgħira. F’ċerti każi dawn il-kanali jiltaqgħu u f’ċerti każi, bħal dak ta’ Paradise Bay,  anke jibqgħu sejrin sax-xifer u jgħibu x’imkien taħt il-baħar.

Anke il-leġġendarju alla minuri Calypso jidħol fl-istorja tal-Mellieħa.  Fil-fatt kumpless ta’ għerien li jinsab Ġnien Ingraw seta’ kien il-post fejn Calypso kienet tgħix u fejn ukoll żammet lil Ulysses. Xi storiċi jsostnu li dan il-post jaqbel eżatt mad-deskrizzjoni li ta Omeru. Waħda minn diversi mixjiet organizzati tgħaddi propju minn qrib dan il-post.

Is-Santwarju

Skont l-Atti tal-Appostli, il-vapur li fuqu kien hemm San Pawl, inkalja fil-viċinanzi tal-Mellieħa. Il-leġġenda tgħid li San Luqa, li kien ma’ San Pawl matul l-istess vjaġġ, pitter il-figura tal-Madonna fis-Santwarju fuq il-ġebel ta’ għar naturali. Fis-sena 409 WK, numru ta’ isqfijiet, żaru dan il-għar u kkonsagrawh bħala knisja. Li hu zgur hu li dan il-għar kappella kien wieħed mill-ewwel 10 parroċċi f’Malta. Dan joħroġ mill-viżta li għamel tal-Isqof Senatore De Mello f’dan il-għar waqt viżta pastorali tiegħu fl-1436. L-ikona li nsibu fis-Santwarju ġiet datata għall-perjodu bejn 1000 – 1100 u hija magħmula fuq stil Biżantin. Sfortunatament, fl-1614, din l-ikona kienet vandalizzata fin-naħa ta’ isfel mill-pirati waqt attakk li għamlu ġewwa l-Mellieħa u bejn is-17 u t-18 il-seklu,meta in-nies kien ikollhom iħallu l-Mellieħa biex ifittxu refuġju f’postijiet iktar ċentrali ta’ Malta.

Sanctuary Altar

Minkejja il-biża kostanti minn attakki simili tal-pirati li kienu jagħmlu użu mill-kosta baxxa li nsibu fil-Mellieħa, id-devozzjoni lejn dan is-Santwarju, li hu ddedikat lill-Verġni Mqaddsa, kompliet dejjem tikber, u mijiet ta’ pellegrini mid-dinja kollha kienu jżuru dan il-post sabiex ifittxu l-għajnuna tal-Madonna. Xhieda ta’ dan huma id-diversi ExVoto  li huma kienu jagħtu li fosthom insibu żejt, xemgħat, flus, pitturi, fidda u oġġetti oħra. Barra minhekk bosta isqfijiet, Gran Mastri u nies prominenti oħra żaru dan il-post. Fl-1960 u fl-1965, il-Papa Ġwanni XXIII u l-Papa Pawlu VI bagħtu xemgħat dekorattivi sabiex jitpoġġew f’saqajn il-Madonna tal-Mellieħa. Fis-sena 1990, il-Papa Ġwanni Pawlu II, waqt żjara pastorali li huwa għamel f’Malta, żar ukoll dan is-santwarju u talab quddiem din l-ikona qaddisa. Dan is-santwarju iservi ta’ oasi fejn wieħed jista’ jsib is-serħan tal-moħħ, tal ġisem u tar-ruħ. Dan is-santwarju huwa wkoll imniżżel fil-lista ta’ 20 post ta’ devozzjoni li jiffurmaw parti mill-European Marian Network  li jinsab ġewwa Lourdes fi Franza.

Knejjes oħra

Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa

Lejn l-aħħar tas-seklu 19 beda jinħass il-bżonn li tinbena knisja ikbar li tkun tista’ taqdi aħjar lill-komunità Melleħija li, kull ma jmur, bdiet dejjem tikber iżjed. Kien għalhekk li li-Gvern Ingliż kien alloka art fil-limiti tal-Miżieb sabiex tinbena knisja ġdida. Iżda l-kappillan Francis Maria Magri kellu pjanijiet oħra, u ried li l-knisja parrokkjali l-ġdida tkun mibnija qrib is-santwarju sabiex ma jifridx il-Parroċċa. L-ewwel ġebla tal-Knisja tal-Mellieħa tpoġġietfl-1883 u ħadet 14 il-sena ta’ xogħol volontarju biex tlestiet. Il-ġebel għal din il-knisja inqata’ minn barriera fl-Armier u nġieb fuq karrettuni mill-poplu Mellieħi. Għalkemm mingħajr il-kampnari, il-Knisja ġiet ikkonsagrata fl-1897. Dawn tlestew iktar tard, fis-sena 1920. Diversi pitturi u xogħlijiet arkitettoniċi iżejnu din il-Knisja.

 

Il-Knisja tal-Manikata inbdiet fl-1961 fuq pjanti tal-perit Richard England. Meta mqabbla mal-Knisja tal-Mellieħa, il-Knisja tal-Manikata hija mibnija fuq stil modern. L-istess bħal ma kien il-każ fil-Mellieħa, il-knisja fil-Manikata nbniet bl-għajnuna ta’ xogħol volontarju u wara ħafna attivitajiet filantopiċi. Din hija Knisja mill-isbaħ u taqbel perfettament mal-madwar. Din il-Knisja hija ddedikata lil San Ġużepp.

Il-Kappella ta’ Selmun, li qabel kienet tinsab fil-Palazz ta’ Selmun, inbniet fis-snin 80 u bħal knejjes l-oħra ġiet iffinanzjata minn kollezzjonijiet privati. Din il-kappella hija ddedikata lill-Madonna tal-Fidwa, li kienet tmur lura għaż-żmien tal-Monte Della Redenzione jew inkella l-fidwa tal-iskjavi fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Il-Għar tal-Madonna tal-Mellieħa hija kripta taħt l-art fil-qalba tal-Mellieħa, qrib is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Din kienet mibnija minn Mario de Vasi, kummerċjant Sqalli li kien devot kbir tal-Madonna. Huwa ħallas minn butu għat-tħaffir tal-passaġġ fejn inħolqot kappella żgħira f’post fejn jgħaddi l-ilma ġieri minn taħt l-istatwa tal-Madonna.

Kappella oħra ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni tinsab fil-ponta tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Il-Gżejjer ta’ San Pawl

Skont it-tradizzjoni, il-ġifen li kien qed iġġorr lil San Pawl inkalja fuq il-gżejjer ta’ San Pawl. Dawn il-gżejjer huma magħqudin flimkien u huma magħrufa wkoll bħala l-gżejjer ta’ Selmun.

Saint Paul's Island

Dan l-isem ġej minn Marco di Maria, membru tal-famija Salamone. Meta fis-sena 1576, Marco kien qed jirritorna Malta, ġifen tal-pirati rħiela għal wara Marco li f’manuvra perikoluża, irnexxielu jgħaddi bejn il-gżejjer ta’ San Pawl u l-gżira ta’ Malta. Il-pirati ma rnexxielhomx fl-istess attenetat u l-ġifen tagħhom inkalja. Il-Gran Mastru La Cassiere ta’ dawn il-gżejjer lil Marco bħala rikonoxximent. L-istatwa ta’ San Pawl, li nsibu fuq dawn il-gżejjer, hija xogħol Segismondo Dimech mill-Belt u Salvatore Dimech minn Ħal-Lija. Din l-istatwa ġiet mtella’ fl-1844. Il-Papa Ġwanni Pawlu II żar dawn il-gżejjer fil-viżta pastorali li għamel fil-gżejjer Maltin fl-1990.

Fortifikazzjonijiet

It-Torri l-Aħmar

L-ewwel fortifikazzjjoni mibnija ġewwa l-Mellieħa mill-Kavallieri ta’ San Ġwann kien it-torri l-Aħmar. Dan inbena fl-1649 bil-ħsieb li jbeżża’ lill-għadu u jagħti wens lill-poplu Mellieħi. Il-Mellieħa ta’ spiss sfat vittma tal-pirati u l-vapuri tagħom u għalhekk, ħafna drabi, in-nies kienu jaħarbu mill-Mellieħa sabiex isibu post iktar sikur. Żewġ torrijiet oħra, It-Torri l-Abjad u Għajn Ħadit, ġew miżjuda mal-fortifikazzjoni preżenti fil-Mellieħa.  Fl- 1714 iktar batteriji, kmamar fuq il-baħar u diversi ħitan ġew mibnija sabiex ikomplu jsaħħu il-fortifikazzjonijiet fil-Mellieħa. Dan kollu għin sabiex in-nies terġa trabbi l-kunfidenza tgħix ġewwa l-Mellieħa u b’hekk il-Mellieħa reġgħet ħadet ir-ruħ. Waħda minn dawn il-batteriji hija il-Batterija ta’ Westreme u llum tintuża bħala Mużew Marittimu.

Red Tower

Matul l-ewwel gwerra dinjija, il-Mellieħa offriet ċentri ta’ konvalexxenza lis-suldati tal-allejati li kienu qegħdin jiġġieldu f’Salonica u Gallipoli. L-Isptar Militari tal-Għadira kellu mal-2000 pazjent waqt li l-Palazz tal-Marfa kien iservi bħala ċentru ta’ rikreazzjoni għal dawn l-istess suldati.

Xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija

Peress li l-Mellieħa hija mdawra minn postijiet baxxi mal-baħar u bajjiet li huma faċilment aċċessibli, matul it-tieni gwerra dinjija kien inħass il-bżonn li jinbnew diversi beach posts u  pill boxes. Dan biex jevitaw invażjonijiet tal-għadu minn dawn il-postijiet. Diversi minn dawn il-postijiet għadhom fi stat tajjeb u huma aċċessibli matul heritage walks. Matul din l-istess gwerra, in-nies tal-lokal bnew 46 xelter mill-attakki mill-ajru u tnejn minnhom huma miftħin għall-pubbliku.

Dawn jinstabu qrib is-Santwarju tal-Mellieħa. Fl-1939, meta it-theddid ta’ gwerra dinjija kien beda jinħass sew, inbniet il-Forti Campbell. Din inbniet qrib Selmun u kienet tħares lejn il-Gżejjer ta’ San Pawl. Din kient mibnija apposta sabiex tħares fuq il-Bajjiet tal-Għadira u ta’ San Pawl. Forti oħra kienet ġiet mibnija fuq l-għolja tal-Mellieħa u kien jisimha Il-Forti tal-Mellieħa. Din kienet tintuża bħala post ta’ osservazzjoni ta’ vapuri kemm tal-allejati u kif ukoll tal-għadu. Illum il-ġurnata din il-forti isservi bħala ċentru tal-boy scouts.

World War 2 Shelters

Mellieħa – Aċċess għal Diversità u Sbuħija

Il-Wied tal-Imġiebaħ

 Il-widien mill-isbaħ li nsibu ġewwa l-Mellieħa, fosthom Ġnien Ingraw, San Niklaw, Imġiebaħ u Għajn Żejtuna joffru l-possibilità ta’ mixjiet mill-isbaħ. Fil-Mellieħa nsibu wkoll ir-riserva naturali li toffri kenn għall-għasafar migratorji. Hemmhekk wieħed jista’ jsib il-faċilità ta’ tourskif ukoll il-possibilità li jara l-għasafar preżenti fir-riserva. Dan is-Santwarju jinsab biswit il-faċilitajiet li kienu jintużaw biex isir il-melħ fi-żmien ir-Rumani u minn fejn il-Mellieħa ħadet isimha. Iktar il-fuq wieħed isib is-sit fejn hemm Foresta 2000 li huwa sit ta’ Natura 2000 fejn mijiet ta’ siġar ġew imħawwla mit-tfal fl-aħħar snin. Il-Mellieħa hija wkoll imżejna b’diversi bajjiet naturali fosthoms il-Bajja tal-Mellieħa, il-Bajja tal-Armier u l-bajja tal-Mixquqa. Dawn il-bajjiet jintużaw kekmm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti sabiex ikunu jistgħu igawdu il-baħar mill-isbaħ f’dawn il-bajjiet.

Imgiebah Valley

Il-Manikata, li wkoll taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, hija ċ-ċentru ta’ proġett ta’ Agro-Turiżmu li huwa mżewwaq mal-uniku Park Ambjentali ġewwa Malta, il-Majjistral Nature and History Park. Hawnhekk diversi heritage walks jiġu organizzati matul is-sena kollha.

Palazz ta’ Selmun

Ġewwa Selmun wieħed jista’ jsib il-Palazz ta’ Selmun li kien iservi bħala r-residenza tas-Sajf tal-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ġewwa Selmun wieħed jista’ wkoll igawdu in-natura b’mixjiet kemm fuq il-wied tal-Imġiebaħ kif ukoll b’mixjiet fuq ir-riħ tal-gżejjer ta’ San Pawl. F’Selmun hemm proġettat li jsir ristruturazzjoni u riġenarazzjoni ta’ diversi rziezet u li ser ikunu jservu bħala ċentru ta’ informazzjoni għall-agrikoltura kif ukoll bħala post għall-esibizjonijiet.

L-għolja tal-Aħrax, li toffri arja kostali varjata, hija mżejna b’diversi aspetti naturali. Filfatt f’din l-arja wieħed jista’ jsib irdumijiet b’ħafna blat li jikkuntrastaw mad-diversi bajjiet u max-xagħri li joffri lok għal fawna u flora. Ta’ min wieħed isemmi wkoll l-għoljiet tar-ramel li nsibu fil-bajja tat-Torri l-Abjad li huma wkoll iservu ta’ habitat  għal flora u fawna li addattaw ruħhon għal dan il-post u li ħafna drabi huma endemiċi għall-gżejjer Maltin.

L-irdum tal-Marfa huwa wkoll post magħruf fejn ibid il-Garni fil-post magħruf bħala Il-Kunċizzjoni. Dan l-irdum huwa wkoll importanti għall-ambjent marittimu li huwa mgħoni b’karattersitiċi uniċi ta’ ambjent ta’ taħt il-baħar kif ukoll flora u fawna.

Selmun Palace

Ħarsa len il-Futur

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa rnexxielu wkoll jorganizza b’suċċess diversi attivitajiet. Matul dawn l-aħħar erbgħa snin, il-Kunsill organizza l-attività popolari msejjħa Iljieli Melleħin. Din

 

 

l-attività tikkonsisti fi tliet ijiem ta’ storja, arti, kultura, mużika, ikel Malti, tradizzjoni u folklor. Il-partiċipazzjoni ta’ eluf ta’ Maltin u turisti, flimkien mal-parteċipazzjoni ta’ gruppi barranin, għinu lejn is-suċċess ta’ din l-attività. Matul il-ġimgħa tal-Milied, l-istess Kunsill jorganizza attività oħra popolari fejn l-attivitajiet, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, jikkuntrastaw sew mal-ispirtu tal-Milied. Attività oħra annwali organizzata mill-Kunsill hija il-festa ta’ San Ġwann tal-Ħġejjeġ li tiġi ċċelebrata f’Ġunju. Din tibda b’purċissjoni fit-toroq prinċipali tal-Mellieħa u tilħaq il-qofol tagħhħa bil-qari tal-Bandu u l-ħuġġieġa tradizzjonali. Il-festa titulari tar-raħal tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew sa ħmistax qabel. Il-festa tal-Vitorja tiġi ċċelebrata b’purċissjoni, kunċerti mużikali minn diversi baned, logħob tan-nar u attivitajiet oħra. Dawn jattiraw eluf ta’ Maltin u turisti.

EDEN Award

Dawn l-attivitajiet flimkien mal-post uniku fejn tinsab il-Mellieħa, l-istorja u l-kultura, id-diversità u l-ġmiel naturali li bih hija mżejna l-Mellieħa, żgur għinu biex il-Mellieħa tkun rikonoxxuta bil-premju ta’ Destinazzjoni ta’ Eċċellenza tal-Unjoni Ewropea (EDEN). Dan il-premju ingħata lill-Mellieħa mill-Unjoni Ewropea fl-2009. Il-Mellieħa hija post sikur, post nostalġiku li kapaċi jitratta, joħloq u jippromwovi xenarji u esperjenzi għal min iżuru. Għal din ir-raġuni eluf ta’ turisti jibqgħu iżuru l-Mellieħa matul is-sena kollha u li għalhekk huwa xieraq li l-Mellieħa tissejjaħ bħala destinazzjoni għall-istaġuni kollha.

Ix-xogħol iebes dejjem iħalli l-frott tiegħu u r-riżultati juru li bix-xogħol tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa matul dawn l-aħħar snin, magħqud mal-ħidma tal-Gvern Ċentrali, kif ukoll bl-għajnuna tal-55 għaqda volontarja li nsibu fil-Mellieħa li jvarjaw minn Baned, NGO’s,  clubs u korijiet, irnexxielhom idawwru iż-żminijiet favur tagħhom. Dan kollu ħoloq determinazzjoni ġdida sabiex jitjieb il-prodott turistiku offrut mill-Mellieħa u b’hekk tkompli dejjem titkattar l-ekonomija Melleħija għall-benefiċċju tal-komunità kollha. Dan kollu ħoloq lok għal użu aħjar tal-potenzjal Mellieħi fosthom dak storiku, kulturali, soċjali, ambjentali u artistiku li huwa tipiku ta’ villaġġ Malti.

Minn villaġġ żgħir agrikolu, maqtugħ mill-bqija tal-irħula Maltin, il-Mellieħa rnexxiela tikber f’belt żgħira fejn jispikka l-istil ta’ ħajja moderna. Ġonna u wesgħat pubbliċi, Park tal-Familja, Heritage Walks, tisbiħ tal-bajjiet, toroq u roundabouts,  ħolqien ta’ żoni pedonali, Dar tal-Anzjani ġdida, Ċentru għal matul il-Jum, attivitajiet soċjali u kulturali, korsijiet b’xejn fil-lingwi u l-IT, flimkien ma’ aċċess b’xejn għal  internet  u servizzi oħra jagħmlu mill-Mellieħa komintà li bix-xieraq hija kburija li tagħmel parti minn Destinazzjon ta’ Eċċellenza moderna.


Jimmy Muscat

14.iii.2012