Ġemellaġġ mal-Belt Ġermaniża ta’ Adenau

 

F’Jannar tal-1996, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għamel l-ewwel ġemellaġġ tiegħu. Dan sar mal-Belt Ġermaniża ta’ Adenau. Fit-12 ta’ Jannar 1996, is-Sindku tal-Mellieħa, is-Sur Joseph Borg, flimkien mas-Sindku ta’ Adenau, is-Sur Bernd Schiffarth, iffirmaw il-ftehim ta’ ġemellaġġ ġewwa Adenau. Fl-24 ta’ Mejju 1996, kien imiss li jiġi ffirmat l-istess ftehim ġewwa l-Mellieħa fil-preżenza tas-Sindku tal-Mellieħa, is-Sur Saviour Vella, u s-Sindku ta’ Adenau, is-Sur Bernd Schiffarth. Dan il-ftehim kellu l-għanijiet prinċipali li jitrawmu relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ komunitajiet, jinqasmu bejn iż-żewġ komunitajiet il-kultura u r-riżorsi, biex b’hekk ikompli jitkattar ir-rispett reċiproku u tkompli tikber is-solidarjetà Ewropea. L-aħħar għan ta’ dan il-ftehim kien li jkompli jikber ir-risq u l-għaqda fl-Ewropa u fil-pajjiżi ta’ madwarna. Matul dawn is-snin kienu diversi l-attivitajiet li ġew orgaizzati bejn il-Mellieħa u Adenau u kienu diversi l-Melleħin li żaru Adenau waqt dawn l-attivitajiet.

 

 

 

Town Twinning Adenau

Ġemellaġġ ma’ Cavriglia fl-Italja

It-tieni ġemellaġġ li għamlet il-Mellieħa kien dak ma’ Cavriglia fl-Italja. Nhar it-2 ta’ Novembru 2007, is-Sindku tal-Mellieħa is-Sur John Buttigieg, flimkien mas-Sindku ta’ Cavriglia is-Sur Ivano Ferri, iffirmaw il-ftehim ġewwa Cavriglia. Dan sar fil-preżenza tal-kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Fost dawk preżenti kien hemm, rappreżentanti mill-Mellieħa Sports Club, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina, l-Għaqda Mużikali Imperial, is-Soċjetà Filarmonica La Vittoria, iċ-Ċentru Laburista Mellieħa, l-Uffiċċju tal-Partit  Nazzjonalista, iċ-Ċentru Parrokkjali, il-Tim tal-Basketball tal-Mellieħa, il-Grupp Żiffa, u l-Koperattiva Rurali tal-Manikata. Dan il-ġemellaġġ jipprovdi li jsiru sforzi bejn iż-żewġ lokalitajiet sabiex il-popli taż-żewġ lokalitajiet isiru jafu iżjed lil xulxin, tikber il-kooperazzjoni bejniethon u li jkun hemm għajnuna reċiproka sabiex jingħelbu l-isfidi amministrattivi, ekonomiċi, soċjali u kulturali waqt li tiġi żviluppata l-parteċipazzjoni tar-residenti taż-żewġ lokalitajiet.

 

Bejn it-22 u s-26 ta’ Jannar kien imiss lid-delegazzjoni ta’ Civriglia jkunu fil-Mellieħa sabiex jassistu għall-iffirmar tal-Ġemellaġġ ġewwa l-Mellieħa. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret nhar il-25 ta’ Jannar ġewwa s-sala tal-Iskola Primarja waqt Jum il-Kunsill 2008. Dan il-ftehim ġie ffirmat mis-Sindku tal-Mellieħa is-Sur John Buttigiegu mis-Sindku ta’ Cavriglia is-Sur Ivano Ferri. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ħejja programm ta` attivitajiet għal matul iż-żjara tad-delegazzjoni Taljana. Id-delegazzjoni kellha l-opportunità li żżur is-sede tal-għaqdiet kollha Melleħin, l-iskola primarja u anke postijiet ta` interess fil-Mellieħa u l-Manikata. Id-delegazzjoni ttieħdet anke l-Imdina u l-Belt Valletta fejn ġiet organizzata laqgħa mal-E.T. il-President ta` Malta Dr Edward Fenech Adami.

Town Twinning Cavriglia

Ġemellaġġ mal-Muniċipalità ta’ Agia Napa ġewwa Ċipru

Nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru 2009, waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Iljieli Melleħin 2009, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ffirma t-tielet ġemellaġġ tiegħu mal-lokalità ta’ Agia Napa, li tinsab ġewwa Ċipru.  Dan il-Ġemellaġġ se jkun qed jiffoka fuq żewġ setturi partikolari: it-turizmu u l-kultura, żewġ oqsma li ż-żewġ lokalitajiet għandhom x’joffru lil xulxin biex flimkien ikomplu jtejbu l-pakkett turistiku taż-żewġ pajjiżi.  Għal din iċ-ċerimonja attendew l-Onor. Prim Ministru ta’ Malta Dr. Lawrence Gonzi u s-Sinjura tiegħu, is-Sindku u l-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, is-Sindku ta’ Agia Napa, is-Sur Antonis Tsokkos, flimkien ma’ delegazzjoni ta’ erbgħa u għoxrin ruħ minn Agia Napa. Attendew ukoll l-E.T. l-Ambaxxatur Taljan Andrea Trabalza, is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Dr. Chris Said u membri parlamentari fost l-oħrajn. L-iffirmar tal-ġemellaġġ sar fil-Bitha tas-Santwarju.

Town Twinning Agia Napa

Nhar il-Gimgha, 25 ta’ Settembru 2009, kien imiss li jiġi ffirmat il-ġemellaġġ, bejn il-lokalità tal-Mellieħa u l-lokalità ta’ Agia Napa ġewwa Ċipru.  Delegazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, mmexxija mis-Sindku s-Sur Robert Cutajar, kienu preżenti għal dan l-iffirmar tal-ġemellaġġ flimkien ma’ grupp ta’ madwar 125 persuna u membri mis-Socjetà Filarmonica ’La Vittoria’ li telgħu apposta għal din iċ-ċerimonja.  L-iffirmar ta’ dan il-ġemellaġġ sar mis-Sindku tal-Mellieħa, is-Sur Robert Cutajar, flimkien mas-Sindku ta’ Agia Napa, is-Sur Antonis Tsokkos.  L-għanijiet prinipali ta’ dan il-ġemellaġġ jinkludi fost l-oħrajn it-turiżmu, l-istorja, il-kultura u l-programmi fi ħdan l-Unjoni Ewropea.