Il-Mellieħa tirbaħ unur ieħor turistiku fuq livell Ewropew – Best European Hidden Gems 2015
Matul il-ġimgħat li għaddew, xejn inqas minn 10,988 turist li żaru l-Mellieħa ivvutaw sabiex il-Mellieħa rebħet l-unur ta’ Best European Hidden Gems 2015. Dan l-unur huwa mogħti mill-organizzazzjoni European Best Destinations, li hi bbażata fi Brussell u li flimkien ma’ uffiċċji turistiċi ewlenin fl-Ewropa tippromwovi destinazzjonijiet Ewropej. Għal iktar informazzjoni fuq din l-organizzazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.europeanbestdestinations.com.
B’kollox kien hemm 85 destinazzjoni Ewropeja li kienu qegħdin jikkompetu għal dan l-unur. Minnhom intgħażlu 13-il destinazzjoni bħala rebbieħa, bil-Mellieħa tkun waħda minn dawn ir-rebbieħa. Dan l-unur ifisser li d-diversi elementi li wieħed isib fil-Mellieħa, fosthom l-ambjent naturali, il-baħar, il-kultura u l-gastronomija qegħdin jagħmlu mill-Mellieħa ġojjell fil-qafas turistiku Ewropew. Grazzi għal dan l-unur, il-lokalità Melleħija se tkun qegħda tgawdi minn promozzjoni ma’ iktar minn 3 miljun persuna li jirċievu l-informazzjoni turistika mingħand l-organizzazzjoni European Best Destinations, u l-eluf ta’ persuni li jsegwu s-siti soċjali ta’ din l-organizzazzjoni.
Wara diversi laqgħat li saru matul ix-xhur li għaddew bejn il-Bord tal-Amminitraturi tal-EDEN, li l-Mellieħa tifforma parti minnha, u d-diriġenti tal- European Best Destinations, se tkun qegħda titnieda kampanja promozzjonali li se tkompli żżid il-promozzjoni għal-lokalità Melleħija fuq livell Ewropew.
Dan kollu qiegħed ikompli jseddaq ħidmet il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-qasam turistiku. Dan l-unur huwa ċertifikat ieħor ta’ kif dak kollu li qiegħed iwettaq il-Kunsill Lokali b’risq il-komunità Melleħija qiegħed jiġi aprezzat u qed iħalli l-frott.