Art Battala tistenna l-Fidwa (1530 - 1798 W.K.)
Il-vjaġġ tagħna fl-istorja tal-Mellieħa jkompli fl-epoka twila 250 sena tal-kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Meta l-kavallieri ġew Malta fl-1530 sabuha fqira u mqaxqxa għall-aħħar. Nistgħu ngħidu li aċċettaw li jgħammru hawn kontra qalbhom, daqs kemm kienu daharhom mal-ħajt.
Il-Mellieħa taħt il-kavallieri kompliet titbattal minn nies. Fil-mawra tiegħu f’dawn l-inħawi fl-1575, Mons. Pietru Dusina jirrakkonta kif ma kontx tara ruħ f’dix-xaqliba. Stajt toqtol u tidfen bla ħadd ma jintebaħ. Is-Santwarju minkejja li kien jissejjaħ parroċċa, fil-fatt kien qisu ġisem bla ruħ, għax nies jiffrekwentawh kont tgħoddhom fuq pala waħda.
Il-ħbit għal għarrieda tal-furbani u s-sibbien Misilma kompla għarraq is-sitwazzjoni. Il-ftit Melleħin li kien għad fadal, wara li fl-1551 Dragut ħabat għal Għawdex u kaxkar lil kull min sab miegħu fil-jasar, qatgħu jieshom li qatt setgħu jgħixu fis-sliem f’din il-ħara, sarru ħwejjiġhom, għabbew il-bhejjem u rħewlha bilġri lejn irħula oħra akbar u l-Imdina.
Min ħaseb għal rasu u bewweġ lil hinn għamel l-aqwa ħaġa li seta’ jagħmel għax fl-1614 it-Torok niżlu l-Għadira u f’kemm ilna ngħidu telgħu mal-widien u għamlu ħerba mill-Mellieħa kollha. Lanqas is-Santwarju tal-Madonna ma ħelisha. Il-Misilmin ħabtu għalih ukoll.
L-istatwi tal-qaddisin tajrulhom irjushom u lir-rettur serqulu ħwejġu kollha. Sa Tork ipprova jeħodha max-Xbieha tal-Verġni Mqaddsa, imma idu bbisitlu, ġismu triegħex u kesaħ. Imherwel lebbet jiġri qisu żiemel sfrattat lil hinn mill-Għar u kien biss meta nidem minn għemilu mfergħen li reġa’ ġie f’tiegħu. Sogħbien talli kien se jagħmel, bagħat tagħmira xema’ lill-Madonna bħala radd il-ħajr talli ħafritlu.
Minkejja l-ħbit tas-sibbien, il-qima lejn il-Madonna ma naqsitx; anzi kotrot. Melleħin jagħtuha ġieh qajla kien hawn. Fl-1712 kienu 50 ruħ biss bejn għassiesa, bdiewa, raħħala, sajjieda u nies tal-kleru li kienu jattendu għall-quddiesa fis-Santwarju. Madanakollu pellegrinaċċi kienu jsiru bil-bosta u l-kappella b’riħet il-benefatturi bdiet tieħu s-sura li għandha llum il-ġurnata.
Wara l-pesta tal-1696 sar pellegrinaċċ kbir nazzjonali bħala ringrazzjament lill-Madonna u fl-1719 inbena l-Ark trijonfali bħala turija ta’ radd il-ħajr lill-Verġni Marija talli s-smewwiet ipprovdew ix-xita tant meħtieġa u mistennija. ‘‘Fik ittamaw missirijietna, u inti ħlisthom’’ hekk hemm miktub fuq l-ark li jifred l-għar mill-misraħ.
Fis-seklu 17 il-kavallieri bnew it-torrijiet l-Aħmar, t’ Għajn Ħadid u l-Abjad, fil-waqt li fis-seklu ta’ wara saħħew id-difiża tal-kosta b’għadd ta’ batteriji, ridotti, swar u trunċieri mgħammra b`suldati, kanuni u infanterija.
Dawn il-miżuri ta` ħarsien ħajru lin-nies jerġgħu jibdew jersqu lejn dawn l-inħawi u b`hekk bdiet tinħadem mill-ġdid l-art żdingata ta` partijiet minn Selmun, l-Aħrax u Qasam Barrani. Tħaffru għadd ta` spejjer u bjar, twittew mogħdijiet u ttellgħu swieni jreddnu lejl u nhar waqt li l-ibgħula u l-ħmir itellgħu lehġiena satal wara ieħor ta` ilma.
Darba minnhom fi tlett ijiem ta’ qamar kwinta fil-Wied ta’ Randa jingħad li erwieħ għariba bnew razzett mastizz għall-baqar u l-għoġġiela. Il-Melleħin laqqmuh ir-Razzett tax-Xjaten għax fih kienu jidhru l-iħirsa ta’ dawk li kienu biegħu ruħhom lill-għefiered qabel ma patri qalbieni skonġra l-binja.
Fis-Seklu 18, taħt il-Granmastru Pinto tkalat ix-xibka tat-tunnara fil-Bajja ta’ l-Għadira. Bħala maħżen għax-xbieki u l-irkaptu kienet tintuża l-Batterija ta’ Qassisu, ħdejn is-swar ta’ l-Imgħarrqa. Fiha kienu jinżammu mat-300 bettija għall-ħut li jinqabad, jitnaddaf u jitmellaħ.
Fl-1747 l-Isqof Bussan ikkonsagra b’solennita s-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u b’hekk kabbar il-fama tagħha. Fl-1787 inbena l-Palazz ta’ Selmun fuq stil Barokk, fuq art li kienet taqa’ taħt il-fondazzjoni għall-fidwa ta’ l-ilsiera- il-Monte della Redenzione degli Schiavi, li l-arma tagħha għadek tista’ taraha fuq il-Bieb tal-Mistra.
Il-blat ta’ dawn l-inħawi, taħt il-kavallieri ġarrab ġrajjiet li trid wisq biex ittarrafhom kollha. Fl-1565 thenna mal-Melleħin bil-wasla tal-viċire Sqalli Don Garcia de Toledo għax mawrietu tat id-daqqa tal-mewt lit-Torok Misilma. Mill-banda l-oħra fl-1798 imma, il-blat tbikkem u tbergħen b’għemil l-Armata Franċiża li bħall-furbani infidili ħarbtet l-uċuh tar-raba’ tal-bdiewa Melleħin u serqet bosta għerien fosthom il-flus tal-kaxxa ta’ l-offerti tar-rettur tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.
B’hekk wasalna għall-aħħar tarġa fl-istorja ta’ dar-raħal, it-tarġa li fuqha qed inserrħu rilejna- l-era moderna.
Dan l-artiklu qed jidher bil-permess ġentili ta` l-awtur stess is-Sur David Muscat.
L-Istorja tal-Mellieħa tkompli;
Sekli 19 - 21